L-ewwel edizzjoni tal-Isfida Msella saret fl-2021. L-idea kienet tal-mibki kap tal-iskola, Dr Sandro Spiteri.
Dr Spiteri xtaq li ssir attività fejn dawk l-istudenti li huma diġà qarrejja tajbin ta’ kotba bil-Malti, ikollhom spazju fejn, bl-għajnuna u l-inkuraġġiment tal-edukaturi, jisfidaw lilhom infushom u jimirħu lil hinn mill-konfini tal-ktieb. Għalhekk, dawk kollha li jieħdu sehem, huma kapaċi ndaqs li jtemmu l-Isfida u jirbħu l-premju. L-Isfida Msella hija mod kif nikkuraw, nirrikonoxxu u nsaħħu komunità ta’ qarrejja bil-Malti.
L-Isfida Msella tikkonsisti fil-qari ta’ kotba magħżula minn lista ta’ pubblikazzjonijiet li huma adattati għall-età tal-parteċipanti, bi stejjer, ġeneri u stili differenti, biex żgur ikun hemm xi ħaġa li tolqot il-gosti ta’ kulħadd. Ma’ kull ktieb ikun hemm abbinat proġett. Il-proġetti jvarjaw – pereżempju l-istudenti jistgħu jagħżlu li jaħdmu fuq trailer ta’ ktieb, poster, preżentazzjoni jew inkella l-kitba ta’ tmiem alternattiv. L-għan huwa li jkollhom opportunità biex jesperimentaw bil-letteratura b’mod eċitanti u divertenti.
Għall-aħħar stadju tal-isfida, l-istudenti huma mistennija li jiktbu novella ta’ 500 kelma ispirata minn wieħed minn dawn il-kotba. Kull sena, l-iskola tistieden awturi stabbiliti Maltin sabiex jeditjaw dawn l-istejjer u jaqsmu s-suġġerimenti tagħhom mal-istudenti dwar kif jistgħu jtejbu l-kitba tagħhom. L-istejjer finalment jinġabru fi ktejjeb li jiġi ppubblikat bi sħab ma’ dar tal-pubblikazzjoni lokali.
Il-parteċipanti kollha li jtemmu L-Isfida Msella jingħataw kopja ta’ dan il-ktejjeb, flimkien ma’ midalja kommemorattiva u vawċer.